Prodotta minn Studio 18 u ŻiguŻajg, din ir-reċta, addattata għad-dinja diġitali tittratta dwar Ineż, tfajla ta’ erbatax-il sena li għebet wara li ħarġet ma’ sħabha fil-bidu tal-pandemija. Fost ħafna temi li din il-produzzjoni tesplora, hemm dawk tal-inugwalanzi fis-soċjeta’, kif ukoll il-pressjoni tal-midja soċjali fuq iż-żghażagh biex ikunu appuntu ‘perfetti’. Fil-fehma tiegħi, dawn huma suġġetti attwali, relevanti għal kuntest Malti kif wkoll dak universali. Punt ieħor importanti huwa kif iż-żgħażagħ iħarsu u jirrelataw mal-awtorita` u fuq kemm il-pressjoni tista turi uċuh varji ta’ persuna waħda.
Maqsuma fi tliett episodji, l-istruttura tal-produzzjoni tippreżenta opportunitajiet lill-awtur biex toħloq suspense li jagħmel din il-produzzjoni iktar mexxejja. Dan il-kunċett huwa partikolari fil-kuntest virtwali peress li dan ix-xogħol teatrali jista’ jiġi ikkunsmat f’ħinijiet differenti; bħallikieku kien mini serje televisiva.
Il-kitba ta’ Simone Spiteri hija waħda li ma ddurx mal-lewża minkejja li hija sensittiva ghat-temi preżentati. Fil-konvenjoni tradizzjonali letterarja, il-ġeneru tal-misteru ħafna drabi juri x’ġara u jħalli r-riżultat aħħari mistur. F’dan il-każ, Ineż (Kienet Perfetta) tagħmel eżattament l-oppost: insiru nafu li Ineż fl-aħħar se tinstab imma nibqgħu fl-għama fuq l-aspett tal-kif.
Matul il-produzzjoni hemm diversi pawsiet fin-narrattiva permezz tal-kor li jingabar f’ laqgħa virtwali. Dawn iservu bhala estenzjoni tal-udjenza li tibda tanaliżża is-sitwazzjoni b’mod li jħajrek tipparteċipa. F’dak li għandu x’jaqsam mal-atturi, din il-produzzjoni toffri taħlita tajba ta’ talenti u esperjenza.
Ta’ min isemmi il-viżwali repetuti kemm ta’ Ineż taħrab kif ukoll tal-inċident innifsu, u l-‘close ups’ ta’ waqt l-interrogazzjonijiet li huma aspetti effettivi tal-produzzjoni. Minkejja li ma narawx wiċċ Ineż, u jkollna biss nimmaġinawħ, fl-aħħar ikollna ċ-ċans li permezz ta’ għajnejha kważi nittawlu fuq ruħha.
Dan ix-xogħol, taħt id-direzzjoni ta’ Jean-Marc Cafa, jurina li meta jingħalaq bieb, jinfetaħ ieħor. Kollox jiddependi fuq kif wieħed jara l-affarijiet; flok ostaklu tista’ tara opportunita`. Inkluż, hemm wkoll ‘resource pack’ għal wara li tara s-serje biex iġiegħel wieħed ikompli jaħseb fuq il-produzzjoni u r-riperkussjonijiet tagħha b’mod iktar ġenerali.
Ineż (Kienet Perfetta) hija waħda mill-produzzjonijiet tal-edizzjoni ta’ Żigużajg 2020
0 Comments